Direttorat għall-Affarijiet Internazzjonali u t-Taħriġ

Il-Missjoni tad-Direttorat

 

Li jsaħħaħ is-Settur tal-Gvern Lokali f’Malta permezz ta’ tmexxija strateġika, kooperazzjoni internazzjonali, il-massimizzazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-iżvilupp professjonali, sabiex l-entitajiet u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jipprovdu servizzi pubbliċi innovattivi, sostenibbli u ffukati fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadin, filwaqt li jippromwovu governanza tajba u jsaħħu l-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta fl-inizjattivi Ewropej.

L-Għanijiet Ewlenin tad-Direttorat

 

Id-Direttorat għandu l-għan li:

  • Jissaħħaħ il-livell amministrattiv u professjonali tal-Kunsilli Lokali u tal-Kunsilli Reġjonali permezz ta’ tagħlim kontinwu u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali.
  • Jippromwovi l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-prinċipji ta’ governanza tajba fis-Settur tal-Gvern Lokali.
  • Jikkoordina u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Kunsilli Reġjonali fi programmi tal-Unjoni Ewropea u inizjattivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali.
  • Jipprovdi gwida teknika u appoġġ strateġiku għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
  • Jippjana, jiżviluppa u jwettaq programmi strutturati ta’ taħriġ li jirrispondu għall-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu tal-membri eletti u tal-impjegati tal-Gvern Lokali.
  • Jappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u tal-politiki tal-Gvern relatati mal-Gvern Lokali.
  • Jinkoraġġixxi u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Gvern Lokali, l-entitajiet tal-Gvern, l-istituzzjonijiet Ewropej u s-sħab internazzjonali.
  • Jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, standards professjonali għoljin u r-reżiljenza organizzattiva fis-Settur tal-Gvern Lokali.
  • Itejjeb l-effettività istituzzjonali permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, ir-riċerka u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki.
  • Jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza tas-servizzi mogħtija lill-komunitajiet lokali.
  • Jippromwovi u jikkoordina l-parteċipazzjoni tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea u f’mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament internazzjonali permezz tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali, jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fil-livell lokali.
  • Jaġixxi bħala l-punt nazzjonali ta’ referenza għal programmi u inizjattivi Ewropej magħżula, billi jiffaċilita l-iskambju tal-għarfien, il-kooperazzjoni internazzjonali u t-tixrid tal-aħjar prattiki Ewropej fis-Settur tal-Gvern Lokali.

 

Responsabbiltajiet Nazzjonali

 

Barra minn hekk, id-Direttorat jaqdi responsabbiltajiet nazzjonali importanti permezz tal-ħatra tiegħu bħala:

 

  • National URBACT Point ta’ Malta (NUP) għall-Programm URBACT IV, fejn jippromwovi l-iżvilupp urban sostenibbli, jappoġġja lill-awtoritajiet lokali Maltin li jipparteċipaw fin-Networks URBACT u jiffaċilita l-iskambju tal-għarfien u tal-aħjar prattiki ma’ sħab Ewropej.
  • L-Urban Contact Point ta’ Malta (UCP) għall-Inizjattiva Urbana Ewropea (European Urban Initiative – EUI), billi jipprovdi informazzjoni, gwida u appoġġ tekniku lill-awtoritajiet lokali li jixtiequ jipparteċipaw fl-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-EUI u f’inizjattivi Ewropej li jippromwovu l-innovazzjoni u l-iżvilupp urban sostenibbli.